F’Malta għad hemm nuqqas ta’ letteratura komprensiva u affidabbli dwar l-istorja tal-ħolqien u l-iżvilupp tat-teatru fil-pajjiż. Biex jindirizza dan in-nuqqas, id-Dipartiment tal-Istudji Teatrali ħoloq strutturi u opportunitajiet għar-riċerka u l-istudju tat-teatru f’Malta fid-diversi forom u espressjonijiet tiegħu. Din l-inizjattiva qed tkun possibbli wkoll bis-sehem tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Sabiex din ir-riċerka titmexxa għal livell aktar avvanzat, id-Dipartiment tal-Istudji Teatrali qed jikkollabora ma’ Teatru Malta biex joffri borża ta’ studju għal PhD fl-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Malta, bl-isem Siparju.
Il-kandidat magħżul se jkun qed jaħdem fuq teżi marbuta mal-istorja tat-teatru f’Malta, skont kif jiġi maqbul mas-superviżuri tal-proġett u ma’ Teatru Malta. Il-proġett se jinvolvi diversi metodi ta’ ġbir ta’ data, fosthom riċerka fuq materjal arkivistiku u intervisti ma’ prattikanti fil-qasam tat-teatru.
L-għan tal-proġett huwa li jagħti kontribut importanti għall-iżvilupp u l-akkwist tal-għarfien dwar l-istorja tat-teatru f’Malta, kif ukoll li jxerred u jagħmel aktar aċċessibbli letteratura dwar is-suġġett li tkun ibbażata fuq pedamenti storiċi u teoretiċi sodi.